Jien bidwi
Inti – bħala bidwi – għandek rwol integrali fil-bijosigurtà fil-livell tar-razzett. Infatti, bħala sid l-annimali, inti fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għal prevenzjoni tad-dħul u t-tixrid tal-mard tal-annimali fir-razzett tiegħek.
Jekk int sid ta’ annimali tar-razzett, il-bijosigurtà tfisser li tassigura li hemm prattiċi ta’ iġjene tajbin u li huma implimentati minn kull min jidħol fir-razzett. Dan jgħin fil-prevenzjoni tad-dħul u t-tixrid ta' mard tal-annimali. Miżuri ta' bijosigurtà effettivi huma ta' benefiċċju għalik għaliex huma jnaqqsu l-probabiltà ta’ tifqigħa ta’ marda li jista’ jkollha riperkussjonijiet negattivi serji għar-razzett tiegħek u l-qligħ tiegħek: annimali ferħana u f’saħħithom huma aktar produttivi. Bijosigurtà tajba tgħin ukoll biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trattament tal-mard, ittejjeb l-effiċjenza tar-razzett u tipproteġi l-irziezet ġirien u l-kampanja.
Il-bijosigurtà tista’ tagħmel id-differenza bejn is-saħħa u l-mard. Għalhekk bdiewa li huma mħassba ġenwinament dwar is-saħħa, il-benesseri u l-produttività tal-annimali tagħhom jieħdu bis-serjetà l-bijosigurtà għaliex jafu li hemm wkoll raġunijiet ekonomiċi sodi għall-prevenzjoni tal-mard.
Il-bijosigurtà fil-prattika
Ma hemmx programm dwar il-bijosigurtà ‘li jgħodd għal kulħadd’, iżda strateġiji ġenerali jistgħu jkunu applikati għall-annimali kollha. Dawn imbagħad jistgħu jiżdiedu b’miżuri addizzjonali adattati għall-ispeċi u s-sistema ta’ trobbija li tintuża.
Miżuri ta’ bijosigurtà ta’ suċċess fir-razzett iridu jindirizzaw varjetà wiesa’ ta’ fatturi, inklużi: l-iżolazzjoni ta’ annimali ġodda miġjuba fir-razzett u ta’ annimali morda; il-kontroll tal-moviment ta’ persuni, annimali u tagħmir, l-użu korrett tal-għalf, u l-proċeduri ta’ tindif u diżinfettar tal-faċilitajiet, kif ukoll programm tajjeb ta’ kontroll tal-insetti u tal-annimali gerriema.
Madankollu, il-bijosigurtà hija aktar minn sett sempliċi ta’ proċeduri: hija effettiva l-aktar meta ssir attitudni fix-xogħol ta’ kuljum, u b’hekk tkabbar il-bijosigurtà tar-razzett tiegħek, B’dan il-mod, bijosigurtà aħjar tagħtik serħan il-moħħ, annimali b'saħħithom u negozji aktar vijabbli.