Dzīvnieki + cilvēki = viena veselība

 

Mard żoonotiku

Il-Bruċellosi

X'inhi l-Bruċellosi?

Il-Bruċellosi hija marda tal-bhejjem li tittieħed b'impatt ekonomik sinifikanti. Il-marda hija kkawżata minn bosta batteri tal-familja Brucella, li għandhom it-tendenza li jinfettaw speċi tal-annimali speċifiċi. Madankollu, il-parti l-kbira tal-ispeċi tal-Brucella jistgħu jinfettaw speċi tal-annimali oħrajn ukoll.

Hija taffettwa l-bovini, is-suwini, in-nagħaġ u l-mogħoż, l-iġmla, l-ekwini, u l-klieb. Hija tista' tinfetta wkoll ruminanti oħrajn, xi mammiferi marini u l-bnedmin. Il-marda fl-annimali hija kkaratterizzata minn aborti jew falliment riproduttiv. Filwaqt li l-annimali tipikament jirkupraw, u jkunu kapaċi jkollhom frieħ wara l-abort inizjali, huma jkomplu jxerrdu l-batteri.

Fejn tinsab il-marda?

L-ogħla inċidenza hija osservata fil-Lvant Nofsani, ir-reġjuni tal-Mediterran, l-Afrika 'l isfel mis-Saħara, iċ-Ċina, l-Indja, il-Perù u l-Messiku. Bħalissa, il-pajjiżi tal-Ażja ċentrali u tal-Lbiċ qegħdin jaraw l-ogħla żieda ta' każijiet. Bosta pajjiżi fil-Punent u t-Tramuntana tal-Ewropa, il-Kanada, il-Ġappun, l-Awstralja u New Zealand huma meqjusa liberi mill-aġent.

Kif tittieħed u tinxtered il-Bruċellosi?

Il-Bruċellosi tinxtered tipikament meta l-annimal jabortixxi jew iwelled. Livelli għoljin ta' batteri jinsabu fil-fluwidi tat-twelid ta' annimal infettat. Il-batteri jikkolonizzaw ukoll il-glandoli mammarji u jikkontaminaw il-ħalib. Il-marda tista' tinfetta wkoll lill-annimali u lill-bnedmin permezz ta' qatgħat fil-ġilda, jew permezz ta' membrani mukużi.

L-għajn tal-marda fl-annimali slavaġ tikkomplika l-isforzi ta' eradikazzjoni.

X'inhu r-riskju għas-saħħa pubblika marbut ma' din il-marda?

Il-Bruċellosi hija żoonożi infettuża ħafna fil-bnedmin li tikkawża marda spiss imsejħa d-deni rqiq jew id-deni ta' Malta.

Is-sintomi fil-bnedmin jinkludu deni intermittenti jew irregolari, uġigħ ta' ras, dgħufija, ħruġ abbondanti ta' għaraq, sirda, telf ta' piż u uġigħ ġenerali. Infezzjonijiet tal-organi li jinkludu l-fwied u l-milsa jistgħu jiġru wkoll. Veterinarji, bdiewa, u ħaddiema tal-biċċerija huma vulnerabbli għall-infezzjoni billi jimmaniġġjaw annimali infettati u feti abortiti jew plaċenti. Il-marda tista' tinxtered ukoll man-nies permezz tal-konsum ta' ħalib mhux pasturizzat li jkun ġej minn annimali infettati.

X'inhuma s-sinjali kliniċi tal-marda?

Tipikament il-mard tkun mansa, bl-annimal infettat juri ftit sinjali sakemm jabortixxi. Jista' jkun hemm nefħa fit-testikoli fl-annimali maskili, u okkażjonalment il-batteri jillokalizzaw irwieħhom fil-ġogi u jikkawżaw l-artrite. Fiż-żwiemel, hija tikkawża kundizzjoni msejħa fistulous withers jew poll evil, nefħa fl-għonq jew fid-dahar. Madankollu dwieb li jkunu tqal jistgħu jew jabortixxu jew iwelldu mohrien dgħajfa u vulnerabbli. L-importanza tal-Bruċellosi hija li tikkawża rendiment riproduttiv fqir, minħabba aborti, infertilità, ritenzjoni tal-plaċenta, mewt mat-twelid jew twelid ta' frieħ dgħajfa. Dan jirriżulta f'telf ekonomiku qawwi għar-raħħala tal-bovini, in-nagħaġ, il-mogħoż u l-ħnieżer.

Kif tiġi djanjostikata l-marda?

Il-marda tista' tkun suspettata fuq bażi ta' sinjali kliniċi bħal aborti, imma ssir konferma permezz ta' testijiet seroloġiċi, imbagħad b'testijiet preskritti fil-laboratorju biex jiġu iżolati u identifikati l-batteri.

X'inhu jsir biex tiġi prevenuta jew ikkontrollata din il-marda?

Sorveljanza bl-użu ta' testijiet seroloġiċi, kif ukoll testijiet tal-ħalib bħall-milk ring test, jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ u għandhom rwol importanti fil-kampanji għall-eleminazzjoni tal-marda. F'żoni endemiċi, spiss jintuża t-tilqim biex titnaqqas l-inċidenza tal-infezzjoni.

Il-bruċellosi umana l-aħjar li tiġi prevenuta billi tiġi kkontrollata l-infezzjoni fl-annimali. Il-pasturizzazzjoni tal-ħalib minn annimali infettati kien mod importanti biex titnaqqas l-infezzjoni fil-bnedmin.